December 17, 2017

Kullħadd 17-12-2017

  • Il-vizzju tal-logħob inkwiet għal min m’għandux kontroll

Fl-ewwel sitt xhur tas-sena żdiedu dawk li ssospendew lilhom infushom milli jidħlu fi ħwienet tal-logħob bħall-casino. B’direttiva tal-2011 bniedem jista’ jitlob li ma jitħalliex jidħol f’dawn it-tip ta’ ħwienet għal sitt xhur jew sena. Dan bil-għan li jgħin lilu nnifsu jirkupra mill-vizzju u mit-telf ta’ flus. Fil-fatt dawn id-deċiżjonijiet ħafna drabi jittieħdu f’mumenti ta’ dipressjoni fejn wieħed ikun spiċċa mingħajr flus fil-but.

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena dawn it-talbiet laħqu s-729 meta fl-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet dawn kienu ta’ 616. Bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena kien hemm 397 li ssospendew ruħhom għal sitt xhur, filwaqt li 331 issospendew lilhom infushom għal sena. Kien hemm persuna li ssospendiet lilha nnifisha għal dejjem. Fl-aħħar tliet snin u nofs kien hemm tmien persuni li ssospendew lilhom infushom għal dejjem.

Ladarba wieħed jissospendi lilu nnifsu ma jkunx jista’ jneħħi dik is-sospensjoni għal dak il-perjodu li jkun għamel dan.
Il-gazzetta KullĦadd irnexxielha titkellem ma’ raġel li fil-passat ħa din il-proċedura. Qal li dak il-pass waħdu mhux biżżejjed, għalkemm hu bidu. “Jien kont bniedem waħdi, fis-solitudni. Kont għaddej minn mument diffiċli fejn tbigħedt mill-familja u sibt ruħi m’għandix żvog ħlief fil-kaxxa tal-logħob. Dejjem ħabbejt il-kaxxa tal-logħob, imma f’mument iebes rikbitni. U kont ninnota li mhux waħdi. Dawn il-ħwienet tal-logħob fl-irħula nnotajt li jiġbdu nies bħali li jkunu waħedhom. Spiċċajt nitlef flejjes kbar. Però ma kontx immur hemm biex mingħalija nirbaħ il-flus. Kont immur hemm għall-iżvog,” qalilna Robert li llum ħareġ mill-vizzju.

“Ħriġt mill-vizzju għaliex meta ddeċidejt li ma nidħolx iktar hemm ġew, iddeċidejt ukoll li nibda ngħix ħajti mill-ġdid. Fittixt il-ħbieb u dawk il-qraba li kont naf li se nsibhom spalla u ftit ftit qomt fuq saqajja. Din mhix l-esperjenza ta’ kulħadd. Jien kelli x-xorti li l-vizzju ma ħakimnix daqshekk. Għax hemm ġew rajt minn kollox. Rajt anke nies iddixxiplinati li kellhom 20 ewro u jafu li jridu jilagħbu lilha u daqshekk,” temm jgħid Robert li llum m’għadux daqshekk komdu jitkellem fuq dan il-perjodu għaliex irid jinsieh.

1

  • Aktar nies il-casino

Skont rapport tal-Malta Gaming Authority fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena iż-żjarat lejn il-casino żdiedu b’9.7% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Fil-fatt bejn Jannar u Ġunju kien hemm 415,944 żjara mqabbla ma’ 379,344 is-sena ta’ qabel. Minn dawn iż-żjarat kien hemm 56,563 li kienu reġistrazzjonijiet ġodda. Il-lagħba kienu maqsumin bejn Maltin u barranin b’61% jkunu rġiel u 39% nisa. U l-iktar età li tiffrekwenta l-casino huma dawk ta’ 65 sena u iktar.

Minbarra l-individwi regolari l-erba’ casinos li għandna f’pajjiżna jieħdu ħsieb li jkunu organizzati wkoll żjarat għal dawk magħrufa bħala junket groups. Dawn ikunu nies importanti, VIP, li jorganizzaw mawra li tinkludi l-casino bħala element ċentrali. Minn dawn kien hemm 694 fl-ewwel sitt xhur tas-sena. Żieda qawwija fuq it-331 tal-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet.

Fl-ewwel sitt xhur tas-sena l-Gvern daħħal €7,823,544 f’taxxi minn dawn it-tip ta’ casinos u kienu impjegati 632 ruħ.

Ma’ dawn wieħed irid jikkunsidra li kien hemm ukoll 237,511 żjara fil-ħwienet tal-logħob fl-irħula, fejn hawn ukoll tiddomina l-preżenza tal-irġiel b’85%. Minn hawn il-Gvern daħħal €1,048,254 f’taxxa u f’dawn il-ħwienet kienu impjegati 123 persuna.

Kien hemm ukoll 90,366 żjara f’tombli reġistrati fejn hawn tiddomina l-preżenza femminili b’85%. Hawn ukoll wieħed isib li n-nies imdaħħla fiż-żmien jilagħbu iktar. It-taxxa li daħħal il-Gvern minn dan is-settur kienet ta’ €286,939 u impjiegi kien hemm 43.

Comments

No comments found.

Leave a Reply

Your e-mail address will never by shared.

Please enter your name!

Please enter your email!

Please enter your website!

Please enter your comment!